Line separator

FR HAYDEN

WILLIAMS 

FR HAYDEN

Fr Hayden Williams OFMCap huwa predikatur itineranti tal-Evanġelju fi ħdan l-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini.  Ha sehem f’numru ta’ programmi televiżivi u fuq ir-radju, u pprietka diversi rtiri u ndirizza numru ta’ konferenzi lil-lajċi, reliġjużi u saċerdoti f’Malta, fl-Iskozja, Irlanda, Albanija, Olanda, Spanja, Italja, Polonja, Eġittu u Kenja.  Huwa ifforma parti mill-fraternita Franġiskana Kappuċċina fl-eremitaġġ ta’ Le Celle f’Cortona, l-Italja.  San Franġisk t’Assisi kien żar Le Celle fl-1211, fl-1215, u fl-1226. 

 

Imwieled Malta nhar id-9 ta’ Lulju 1977,  Fr Hayden tgħammed fit-28 ta’ Lulju 1977 fil-Knisja Kattolika u trabba l-Isla. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola tas-Sorijiet Franġiskani u l-Kulleġġ De La Salle.

 

Fil-parroċċa fejn trabba, iddedikata lit-Twelid ta’ Ommna Marija, kien abbati u membru tal-Leġjun ta’ Marija. Fl-età ta’ 13-il sena huwa ġie introdott għat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku mill-grupp ta’ talb tal-parroċċa Lumen Christi. Sentejn wara ntgħażel sabiex imexxi l-istess grupp.

 

F’żgħożitu żviluppa interess fil-mediċina u ried ikompli jistudja biex isir tabib. Imma, waqt Konferenza Kariżmatika fl-10 ta’ April 1994, Ħadd il-Ħniena Divina, għaraf lil Ġesù jsejjaħlu sabiex isir saċerdot. F’mixja fuq il-passi ta’ San Franġisk t’Assisi u San Piju ta’ Pietrelcina, permezz ta’ proċess ta’ dixxerniment huwa ħaddan is-sejħa tas-saċerdozju bħala bħala Patri Franġiskan Kapuċċin.  

 

Fid-9 t’Ottubru 1996, ingħaqad mal-Kapuċċini u għamel il-professjoni temporanja tal-voti reliġjużi fit-22 ta’ Settembru 1998.  Wara, beda u temm b’suċċess l-istudji tiegħu tal-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Fil-25 ta’ Marzu 2004 għamel il-professjoni perpetwa u fl-istess sena, fis-17 t’Ottubru, ġie ordnat djaknu.

 

Matul is-sena ddedikata lill-Ewkaristija, nhar il-21 ta’ Lulju 2005, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, u kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta sabiex iġib il-Liċenzjat fit-Teoloġija, b’teżi bit-titlu The Eucharistic Perspective of the Ministerial Priesthood in John Paul II , li ġie ppubblikat bħala ktieb bit-titlu Serving the Love of Loves.

 

Matul is-snin, Fr Hayden ta' serizz f'dawn il-ministeri: pastorali vokazzjonali, il-fomazzjoni ta’ Kappuċċini żgħażagħ, gwardjan ta’ fraternità Kapuċċina, mexxej taż-żgħażagħ, kappillan tal-isptar Mater Dei, viċi-kappillan fil-parroċċa ta' San Ġwann u kappillan tal-ħabs, fil-Faċilità Korrettivi ta’ Kordin. Fi ħdan il-provinċja Kapuċċina f’Malta, huwa ta’ s-sehem tiegħu bħala membru tal-Kunsill Provinċjali u Vigarju Provincjali.

 

Meta jkun Malta, imexxi l-laqgħat ta’ evanġelizzazzjoni Ejjew Għandi li huma miftuħa għal kulħadd u jinkludu x-xandir tal-Evanġelju, adorazzjoni Ewkaristika, u talb għall-fejqan. 

 

Huwa kiteb Kristu jgħix Fija, u Ir-Rużarju tal-Familja, u rrekordja wkoll ir-Rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina bil-Malti, Ingliż u Taljan, it-tliet lingwi  mitkellma minn Fr Hayden.


Fr Hayden huwa wkoll il-fundatur tal-Fraternità Franġiskana ta’ Ġesù u Marija, assoċċjazzjoni privata tal-lajċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, li twaqqfet nhar is-7 t’Ottubru 2010 u approvata kanonikament nhar id-9 ta’ Lulju 2021 mill-Arċisqof ta’ Malta,  Mons. Charles J. Scicluna.

SEJĦA GĦAT-TALB

Fr Hayden ser jieħu nota tat-talba tiegħek u  jitlob għalik, 

iżda mhux bilfors iwieġbek lura