Il-Kotba tal-Patt il-Qadim meta jitkellmu fuq il-ħniena divina jużaw żewġ kelmiet, li iżda ma jaqblux għal kollox flimkien fit-tifsir tagħhom: hesed u rahamim.
Hesed
Il-kelma hesed turi qagħda ta’ “tjieba mill-qalb”. Meta hemm tjieba mill-qalb ta’ żewġ individwi għal xulxin, dawn ma jkunux jixtiequ biss il-ġid ta’ xulxin; ikunu fidili għal xulxin ukoll minħabba rabta li għandha l-egħruq tagħha fil-qalb u għalhekk huma fidili għal xulxin għax huma fidili wkoll għalihom infushom. Hesed tfisser ukoll “grazzja” u “mħabba”, u dan proprju minħabba din il-fedeltà. Hija mħabba li tagħti, l-imħabba li hija aktar qawwija minn kull tradiment, aktar qawwija mid-dnub. Din il-fedeltà lejn “bint il-poplu” (Ara Lam 4, 3,6) li naqset mill-fedeltà, turi li Alla min-naħa tiegħu, hu fidil għalih innifsu.
Rahamim
Waqt li hesed tfisser li wieħed hu fidil għalih innifsu u jħoss ruħu responsabbli ta’ mħabbtu (ħaġa din li aktar tidher fir-raġel); il-kelma rahamin fl-istess għerq tagħha tfisser l-imħabba ta’ omm (rehem = ġuf l-omm). Mir-rabta – anzi l-għaqda – fil-ġuf ta’ l-omm ma’ binha tinbet relazzjoni speċjali ta’ l-omm ma’ binha, imħabba speċjali.
Din l-imħabba hija kollha kemm hi gratuita, bla ebda nteress, mhux meritata, u taħt dan l-aspett hi mħabba li l-qalb teħtieġa, titlobha. Meta tqabbilha mal-imħabba mfissra bil-kelma hesed (li hi ħaġa li aktar tidher fir-raġel), din il-kelma, biex ngħidu hekk, turina dik il-fedeltà ta’ mħabba li tidher aktar fil-mara.
Taħt dan l-aspett psikoloġiku, il-kelma rahamin tqanqal għadd sħiħ ta’ sentimenti, fosthom it-tjieba u l-ħlewwa, is-sabar u l-mogħdrija, jiġifieri l-ħeffa tar-rieda li taħfer.
Il-kotba tal-Patt il-Qadim, meta jużaw il-kelma rahamin għal Alla jridu juru li f’Alla hemm dawn is-sentimenti. Naqraw f’Isaija:
“Tista’ l-mara tinsa t-tarbija tagħha,
jew ma tħossx ħniena għal bin ġufha?
Jekk stess dawn jinsew,
jien ma ninsiex” (Iż 49, 5).
Din l-imħabba fidila u qatt mirbuħa, minħabba l-qawwa tal-għaġeb li tinsab f’kull omm, fil-Kotba tal-Patt il-Qadim hija mfissra f’kemm il-sura; bħala ħelsien mill-perikli, l-aktar perikli mill-għedewwa, u wkoll, bħala maħfra tad-dnubiet, kemm ta’ bniedem wieħed u kemm tal-poplu kollu ta’ Israel, u fl-aħħarnett bħala ħeġġa għat-tmiem tal-wegħdiet u tat-tama (eskatoloġika) minkejja kull nuqqas ta’ fedeltà mill-bniedem, kif naraw f’Hosegha:
“Naħfrilhom għad li xxewxu kontra tiegħi;
minn qalbi nħobbhom” (Hos 14, 5).
Ġesù Kristu huwa r-rivelazzjoni perfetta u l-inkarnazzjoni ta' dan il-hesed u rahamim.
Fr Hayden iqis ir-rahamim bħala il-qalbha tal-ministeru tiegħu waqt li jgħati lil Ġesù Kristu lill-oħrajn fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu murija fl-imħabba kollha ħniena w kompassjoni tal-Missier.
San Ġwanni Pawlu II, Dives in Misericordia, nota 52
Il-Logo
Il-logo, tpinġija astratta tal-artista maltija Jennifer Lonfat, juri lil Ġesù Kristu msallab bħala l-inkarnazzjoni tar-rahamim tal-Missier.
Fuq is-salib, Ġesù jittrasforma ċ-ċaħda tiegħu mill-umanità fi ħniena u kompassjoni għad-dinja kollha waqt li jabbanduna ruħu fl-imħabba kollha ħniena tal-Missier li jqajmu mill-mewt fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Is-salib huwa mħaddan mill-imħabba tenera (rahamim) ta’ Marija għall-umanità li tirċievi d-demm - li hu personifikat hawnhekk minn fetu - ħiereġ mill-kustat minfud ta' binha Ġesù fuq l-id miftuha tagħha.
Il-pinzellati bil-ħeffa huma sinjal tal-fedeltà tal-Missier (emet) lejn l-umanità waqt li l-isfond abjad juri t-twelid tal-Knisja bħala l-komunità tal-imħabba kollha ħniena.